"Oh my Goth"

artiklu li gie ippubblikat fuq il-mument tal- Hadd 6 ta' Lulju 2008

Filwaqt il-maltin bħalissa kienu moghnija bl-‘Isle of MTV Music week’, milli jidher kulħadd fuq din il-gzira jaħseb li kulhadd jagħmel parti mill-massa u li hawn Malta m’hawnx lok ghal kulturi muzikali oħra bħal ma hu l-istil Gotiku.

Biex nibda, L-istil Gotiku, jirreferi għas-settur li jiġbor fih dak kollu li ‘jsejħulu’  xenarju sotteran b’ġeneri ta’ mużika bħal ‘dark wave, gothic rock, EBM, industrial, fetish’, ezz …. Kumbinazzjoni jien inzertajt waħda minn dawn u mill-antiki nett!  Inħobb ir-Rock Gotiku, l-ilbies Gotiku, l-arkitettura Gotika u l-letteratura Gotika imma hej:  

- Mhux dejjem tarawni b-iswed għalkemm dak il-kulur favorit tiegħi.

- M’hiniex iffissata fil-mewt u ma noqoghodx newden kif ħa nagħmel suiċidju.

- La nixrob ħafn’ alkoħol u ma nieħux droga.

- Ma nagħmilx parti minn xi setta satanika u l-Gotiku m’għandu x’jaqsam ma l-ebda reliġjon.

M’għandix xi ruxmata msielet ma ġismi kollu u mhinix mimlija tpinġija għalkemm jogħġbuni u narhom sbieħ fuq ħaddiehor imma jgħoddux għalija.  Forsi għax nibża’ mill-labar ???

Dawn t’hawn fuq huma ħafna mill-kummenti indirizzati lejn minn iħobb dit-tip ta’ kultura li spiss tisma’ mingħand min anqas biss għandu ideja ta’ xi tfisser li tkun Gotiku.

Jagħti l-każ li nuqqas ta’ informazzjoni twassal biex dak li jkun jibża’ minn xi ħaġa li ma jafx xejn fuqha.  Per eżempju ideja żbaljata kbira hi li saħansitra hemm min iħawwad il-‘Heavy Metal’ u t-trend li għaddejja bħalissa ta’ ‘EMO Punks’ mal-‘Goth’.  Hemm baħar jaqsam bejniethom!!

Mela x’hinu il-Gotiku???

Ir-Rock Gotiku (Gothic Rock/Goth) hu ġeneru ta’ mużika li oriġinat fl-aħħar tas-snin sebgħin. Il-ġeneru innifsu ġie deskritt bħala l-muviment li nqata għalih mill-‘punk rock’ matul il-bidu tas-snin tmenin. Artisti tar-Rock Gotiku tkellmu fuq suġġetti tad-dlamijiet u  ħsibijiet bħal ma huma l-biża, ir-romantiċismu, il-filosofija u x-xettitismu.   Gruppi pijunieri tal-‘Gothic Rock’ jinkludu lil ‘Joy Division’, ‘Siouxsie & the Banshees’,  ‘Bauhaus’, ‘The Cure’, ‘The Sisters of Mercy’, ‘The Mission’,  ‘Sex Gang Children’, ‘Southern Death Cult’ (li wara sar jisimhom Death Cult sakemm fl-aħħar ħareġ il-grupp The Cult), ‘Killing Joke’, ‘Skeletal Family’, ‘Specimen’, ‘Alien Sex Fiend’, ‘Fields of the Nephilim’,  ‘Rosetta Stone’, ‘London After Midnight’ u ‘The Wake’.  Il-bicca l-kbira tal-gruppi tar-Rock Gotiku minn tal-bidu ġew mir-Renju Unit, għalkemm kien hemm gruppi li ġew minn pajjiżi oħra, eż. ‘Christian Death’ minn Los Angeles, ‘The Virgin Prunes’ mill-Irlanda, and ‘Xmal Deutschland’ mill-Ġermanja.

Dal-ġeneru ta’ Muzika qajjem kultura aktar wiesgħa fix-xena gotika li inkludiet il-postijiet ta’ divertiment gotiċi, ilbies gotiku u l-letteratura Gotika.   Minbarra Mużiċisti, din il-kultura influwenzat ħafna artisti oħra fosthom  pitturi u fotografi li ix-xogħol tagħhom kien bażat fuq motifi mistiċi, morbużi u romantiċi li jvarjaw minn tpinġijiet erotiċi sa stampi romantiċi ta’ vampiri u spirti. 

Stabbiliment ta’ Divertiment fl-Londra ‘The Batcave’ kien il-mudell ta’ ‘Club’ Gotiku peress li kien qed juża effetti speċjali bħal duħħan artifiċjali, friefet il-lejl tal-lasktu u għanqbut bħala tiżjin tal-post.  Dawk li kienu jmorru hemm addottaw ilbies approppjat li wassal għal moda ta’ ilbies Gotiku.  Ilbies Gotiku tipiku jinkludi xagħar miżbuħ iswed tuta, lapes iswed impinġi ma’ l-għajnejn, dwiefer miżbugħin suwed, ħwejjeġ suwed ta’ perjodu Vittorjan jew medjevali; Il-Gotiċi jista’ jkollhom imma mhux bil-fors ħafna msielet.  Parti mill-ġojellerija tinkludi slaleb u simboli eġizzjani.  Post rinomat għal ħafna ħwienet li l-biċċa l-kbira tagħhom jissupplixxu ilbies u aċċessorji Gotiċi, jinsab Londra ‘Camden Town’.  Hemm immorru miljuni ta’ visitaturi fis-sena għax huwa post uniku ta’ dan it-tip.  Postijiet ta’ divertiment oħra bħal ‘The Batcave’ bdew jiftħu speċjalment fir-Renju Unit  u baqgħu s’issa jiżdiedu u ssibhom mdawwrin madwar id-dinja speċjalment fir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Ġermanja.  Isiru ukoll Festivals Gotici matul is-sena bl-iktar wieħed imsemmi dak ta’ Whitby fl-Ingilterra.   Allavolja hawn Malta ix-xenarju Gotiku issibu fuq skala ferm izgħar minn dal ta’ postijiet oħra bhal Londra, Berlin u Los Angeles hemm ukoll lok għal maltin li huma Gotiċi.  Il-postijiet ta’ divertiment hawn Malta qatt ma servew biex kull min iħobb dan l-istil ikollu l-iżvog tiegħu allura kienu isuru ‘parties’ apposta gotiċi fejn in-nies iħossuhom komdi jilbsu ilbies gotiku u l-mużika tkun addattata.   Attivitajiet bħal dawn bdew jieħdu ċerta popolarita` fejn in-nies li jħobbu dan l-istil bdew iħossuhom milqugħin.  Għalkemm ‘parties’ regolari baqgħu isiru anke` ’postijiet ta’ divertiment popolari mis-snin disgħin ‘l hawn xorta għad fadal min iħobb dan l-istil u għadu ma rrealizzax li jeżisti min hu bħalu anke` hawn Malta.  Ngħid għalija biex infittex l-żvog tiegħi kien ikolli insiefer li m’għandux ikun hekk.  Għandu jingħata lok għal kollox anke` fuq din il-gzira żgħira u l-minoranzi għandhom jingħataw importanza.   Issa wara li l-eċċitament tal-MTV ikun għadda fl-ewwel Sibt ta’ Lulju għandha ssir attivita` oħra ta’ Divertiment li kull min iħobb dan l-istil m’għandux jitlef.

Aktar informazzjoni fuq il-Muzika Gotika, Vidjows Mużikali, Kunċerti, attivitajiet u aħbarijiet mix-xena Gotika dejjem ikunu aġġornati fuq is-sit:

http://www.nuwavemalta.com/gothic.html

Dawk li normalment mhumiex aċċettati mis-soċjeta`għandhom ikollhom id-dritt li jesprimu ruħhom mingħajr ma jiġu emarġinati u attakkati kull ħin u kull moment!!

 

x Jackie aquilina

6.07.08

<<< Back to gothic rock page